Kompli sejjer hekk

To all the non-Maltese people following my blog, this is a poem written in my native language, Maltese. It mainly treats man’s greed and injustice, and sheds a light on redemption.

Kompli sejjer hekk

Kompli sejjer hekk,
kompli farrak kulma tara u
kompli qaċċat dak li tiżra’,
ma jimpurtax jekk is-siġar,
imneżżgħin, jistħu minflokok
u jitħassbu
dwar x’se jgħidu lil sħabhom l-annimali
li tilfu djarhom
f’ħakka t’għajn.
Kompli sejjer hekk,
kompli baxxi rasek
għall-ħajja ta’ ħala sfrenat,
waqt li popli sħaħ
imbikkmin,
imġewħin,
imutu,
għaliex għalik
huma biss dbabar
fuq il-globu.
Kompli sejjer hekk,
kompli sodd widnejk
u agħlaq għajnejk
għall-inġustizzji
għaliex qalbek metallika
tleqq
mhux bl-imħabba
iżda b’nar infern.
Ja bniedem,
Int mimli
apatija u solitudni
għaliex mingħalik li tard wisq
biex treġġa’ lura
għal dak li kien.
Tkomplix sejjer hekk,
tkomplix teqred, tkisser, tweġġa’
iżda ħares, ħobb u ħenn,
forsi meta tasal fl-aħħar
xi mkien, issib il-kenn.